Covenant of Mayors
  Covenant Newsletter November 2017  
       
 
"Aħna nikkunsidraw is-sostenibbiltà bħala l-mutur għas-soċjetà u l-fattur ewlieni tal-ekonomija"
Intervista mad-Deputat Sindku ta' Amsterdam Abdeluhub Choho
 
   

български (bg) - čeština (cs) - dansk (da) - Deutsch (de) - eesti (et) - ελληνικά (el) - English (en) - español (es) - français (fr) - Gaelic (ga) - hrvatski (hr) - italiano (it) - lietuvių (lt) - latviešu (lv) - magyar (hu) - Malti (mt) - Nederlands (nl) - polski (pl) - português (pt) - română (ro) - slovenčina (sk) - slovenščina (sl) - suomi (fi) - svenska (sv)

Il-Belt ta’ Amsterdam ingħaqdet mal-Patt tas-Sindki fl-2009, u impenjat ruħha li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ CO2 tagħha b’40% sal-2025. Tista’ tgħidilna iktar dwar il-viżjoni fit-tul tal-belt tagħkom għall-klima u l-enerġija?

Amsterdam hija sostenitur iddedikat tal-Ftehim dwar il-Klima ta’ Pariġi u l-kunċetti tas-sostenibbiltà integrata. Aħna nikkunsidraw is-sostenibbiltà bħala l-mutur għas-soċjetà u l-fattur ewlieni tal-ekonomija. Għalhekk, Amsterdam qed tfittex li ssir kompletament ħielsa minn emissjonijiet tal-karburanti fossili u indipendenti mill-faħam, iż-żejt u l-gass fuq perjodu ta’ żmien twil. Ir-riżultat se jkun belt kreattiva u varjata, b’saħħitha ekonomikament u soċjalment, b’ambjent fejn tgħix tajjeb għas-saħħa.

Amsterdam poġġiet lilha nnifisha minn ta’ quddiem fl-azzjoni klimatika billi ħadet id-deċiżjoni kuraġġuża li telimina t-tisħin bil-gass naturali sal-2050. Aħna ħadna din id-deċiżjoni mingħajr ma konna nafu sew kif se nilħqu dan l-għan. Iżda jekk qatt ma tibda, qatt m’inti se tkun tista’ tiskopri l-aħjar mod kif tagħmel dan! L-istabbiliment ta’ objettivi u skedi taż-żmien huwa neċessarju biex nuru dak li nixtiequ niksbu rigward kwistjonijiet ewlenin bħat-tibdil fil-klima, it-tniġġis tal-arja u l-iskarsezza tar-riżorsi naturali. Madankollu, l-isfida reali hija li nieħdu azzjoni: li mmorru lil hinn mill-viżjonijiet u x-xenarji, u nibdew nieħdu azzjoni b’mod pragmatiku fil-belt tagħna flimkien mad-diversi partijiet ikkonċernati involuti.

Il-gvern tal-belt adotta aġenda għas-sostenibbiltà integrata, li tiffoka fuq ħames prijoritajiet: (1) l-iffrankar tal-enerġija u l-provvista ta’ enerġija nadifa għall-elettriku u t-tisħin, (2) il-kunċetti ta’ ekonomija ċirkolari wiesgħa, (3) arja nadifa u tajba għas-saħħa, (4) l-adattament urban għat-tibdil fil-klima u (5) li nkunu ta’ eżempju permezz ta’ organizzazzjoni muniċipali sostenibbli. Sabiex niksbu dawn l-għanijiet, irridu nappoġġjaw l-inizjattivi taċ-ċittadini, u naħdmu flimkien mal-imsieħba lokali bħall-organizzazzjonijiet mhux governattivi, in-negozji u l-esperti. Aħna qed naħdmu flimkien mal-partijiet ikkonċernati ewlenin bħall-organizzazzjonijiet tal-akkomodazzjoni, l-operaturi tan-netwerks tal-enerġija u l-kumpaniji tat-tisħin fl-hekk imsejjaħ Patt tal-Ibliet (City Deal). F’din is-sħubija pubblika privata, l-organizzazzjonijiet tal-akkomodazzjoni qablu li jidentifikaw, sal-aħħar tal-2017, 10,000 unità tal-akkomodazzjoni fejn Amsterdam se tibda diskussjonijiet mar-residenti dwar kif u meta l-provvista tal-gass tista’ tiġi skonnessa. Fil-preżent, qed nikkunsidraw l-alternattivi li ġejjin għall-gass naturali: it-tisħin distrettwali, is-sistemi tal-enerġija żero, l-enerġija ġeotermali u l-bijogass.

Il-belt tagħna taħdem skont approċċ orjentat lejn id-distretti. Kull distrett għandu l-karatteristiċi uniċi tiegħu, ma hemm l-ebda soluzzjoni waħda tajba għal kulħadd. Madankollu, aħna adottajna l-prinċipji tal-affordabilità, tas-sostenibbiltà, tal-aċċess miftuħ u l-ispazju għal sistemi tat-tisħin distrettwali alternattivi għat-tranżizzjoni lejn provvista ta’ enerġija 100% sostenibbli.

Liema huma d-diffikultajiet ewlenin li kellkom tittrattaw meta kontu qed tiżviluppaw u timplimentaw din l-istrateġija? X’taħsbu li huma l-aħjar soluzzjonijiet biex tegħelbuhom?

Ltqajna ma’ diversi ostakli. Mill-fehma soċjoekonomika, it-tranżizzjoni enerġetika lejn Amsterdam sostenibbli taffettwa ħafna nies, din hija bidla kollettiva u teħtieġ is-sostenn taċ-ċittadini kollha. Huwa meħtieġ għalhekk li jkun hemm "mentalità" komuni. Permezz tal-komunikazzjoni mar-residenti u l-involviment tagħhom fi stadju bikri, il-biżgħat, l-ostakli u d-diffikultajiet possibbli jistgħu jingħelbu. Aħna nilqgħu bil-qawwa kieku titwettaq kampanja nazzjonali li tenfasizza l-urġenza liċ-ċittadini Olandiżi fuq skala nazzjonali. Barra dan, huwa kruċjali għalina li noffru alternattivi affordabbli għall-gass naturali. Il-prezz kurrenti għall-gass naturali huwa relattivament baxx fin-Netherlands. Il-mezzi alternattivi ta’ tisħin li sabet il-belt s’issa ma jistgħux jikkompetu ma’ dan il-prezz, billi dawn ħafna drabi jiswew ħafna iktar. Għalhekk il-belt ta’ Amsterdam qed tipproponi fil-livell nazzjonali li l-gvern jimplimenta taxxa tal-enerġija fuq il-gass naturali.

Imbagħad, il-leġiżlazzjoni kultant tirriżulta li hija ostaklu għat-tranżizzjoni enerġetika. Pereżempju, il-liġi Olandiża fil-preżent tagħti liċ-ċittadini kollha d-dritt li jkollhom tisħin bil-gass naturali fi djarhom. Dan ifisser li hemm mandat ġurisdizzjonali biex ir-residenti jiġu konnessi man-netwerk tal-gass naturali. Madankollu, ma hemm l-ebda mandat ġurisdizzjonali biex ir-residenti jiġu skonnessi meta tisħin alternattiv ikun possibbli. Bħala gvern lokali, il-Belt ta’ Amsterdam topera f’dan il-qafas legali limitat. Aħna qed nitolbu għal mezzi oħra finanzjarji u legali sabiex nimplimentaw il-politiki tagħna u b’hekk nibqgħu nwettqu t-tranżizzjoni enerġetika tagħna.

Hawnhekk jien użajt it-tranżizzjoni tagħna għat-tneħħija gradwali tat-tisħin bil-gass naturali bħala eżempju, iżda d-diffikultajiet li ltqajna magħhom jistgħu jinsabu wkoll fit-tranżizzjoni enerġetika iktar "ġenerali". L-ibliet jagħlqu l-lakuna bejn l-ambizzjonijiet globali – bħall-Ftehim ta’ Pariġi – u l-azzjoni fil-livell lokali. Issa huwa żmien għall-implimentazzjoni. Aħna, bħala mexxejja lokali, irridu nazzardaw nieħdu pass ieħor biex nimplimentaw l-istrateġiji ħielsa mill-karburanti fossili. Naf li huwa meħtieġ kuraġġ biex jittieħdu miżuri kuraġġużi, biex jittieħdu deċiżjonijiet fuq bidliet strutturali fis-sistemi enerġetiċi tal-ibliet tagħna, biex nibdew, anke jekk it-triq għadha mhijiex biżżejjed viżibbli. Iżda nafu fejn nixtiequ li naslu.

B’liema mod il-parteċipazzjoni tagħkom fil-Patt tas-Sindki għenet lill-Amsterdam fl-azzjoni tagħha dwar il-klima u l-enerġija?

Madwar l-Ewropa, u l-bqija tad-dinja, l-ibliet jilgħabu rwol ewlieni fl-indirizzar tal-problemi kontemporanji u jistgħu jħeġġu lill-gvernijiet nazzjonali u sovranazzjonali biex jirsisti fuq għanijiet ferm iktar ambizzjużi. It-tranżizzjoni enerġetika f’Amsterdam, bħal fi kwalunkwe belt oħra, huwa kompitu kumpless ħafna. Dan jeħtieġ kooperazzjoni fil-livell reġjonali, nazzjonali u internazzjonali. Il-Patt tas-Sindki huwa pjattaforma adattata għall-kooperazzjoni, it-tagħlim bejn il-pari u l-kondiviżjoni tal-għarfien, ħaġa li l-Belt ta’ Amsterdam tapprezza ħafna.

It-tranżizzjoni enerġetika tmur lil hinn mill-fruntieri tagħna, għalhekk hija meħtieġa l-kooperazzjoni internazzjonali biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni. Permezz tal-offerta ta’ diversi għodod u opportunitajiet ta’ networking, il-Patt tas-Sindki jippermetti lill-Amsterdam tieħu ispirazzjoni mil-politiki implimentati fi bliet oħra. Il-Patt tas-Sindki huwa pjattaforma fejn il-problemi urbani u s-soluzzjonijiet jiltaqgħu! Minkejja l-fatt li l-kuntesti jistgħu jvarjaw minn belt għal oħra, ikun siewi ħafna jekk jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki. Aħna, bħala belt, kuntenti ħafna li naqsmu l-għarfien tagħna mal-Komunità tal-Patt, speċjalment dwar l-elettromobbiltà. F’Amsterdam, aħna nużaw il-belt tagħna bħala laboratorju għall-esperimenti. L-ibliet huma l-post fejn l-innovazzjoni sseħħ!

© photo Veronika Galkina, shutterstock.com

 
     
    >> Covenant Monthly Newsletter November 2017 <<
(0 visits )
 
     
Find us on:
Twitter Facebook
Covenant of Mayors
  The sole responsibility for the content of this newsletter lies with the Covenant of Mayors Office. It does not necessary reflect the opinion of the European Union. The European Commission is not responsible for any use that may be made of the information contained therein. The Covenant of Mayors was set up with financial support of the European Commission and consists of five associations of European local authorities: Energy Cities, Climate Alliance, Eurocities, CEMR, Fedarene, and ICLEI Europe.

Subscribe / Unsubscribe to this newsletter.
European Union  
 
Covenant of Mayors